Friday, 18 October 2013

Duminku Mintoff u Joseph Muscat ir-Rebħa bil-barka tal-Perit

Il-Ktieb ta' Josef Grech - Duminku Mintoff u Joseph Muscat ir-Rebħa bil-barka tal-Perit

Kull attentat biex jitqabblu l-karattri u l-operat ta‘ nies differenti, bilfors jirriżulta f‘xogħol suġġettiv. Anki dan. Hemm min jgħid li f‘Joseph Muscat jara Dom Mintoff żagħżugħ. Hemm min iqis li hemm differenzi mhux żgħar fil-karattri tagħhom. Din hija viżjoni ħafifa tat-tnejn, fil-qosor, ta‘ kif nara wħud mit tixbihat u d-differenzi ta‘ bejn Joseph Muscat u Dom Mintoff. Naħseb li naf il-karattru tat-tnejn, u nħares lejhom it-tnejn dejjem minn xi kriterji li jiena nqis bħala importanti. Missieri, li qatta ħajtu fil-politika, għallimni minn ċkuniti, li l-ikbar valur fil-poltiku, u l-iktar f‘Mexxej, għandu jkun il-lealtà. Is-sens ta‘ lealtà joffri dik il-garanzija li l-politiku se jkun fidil lejn dawk li jimxu miegħu u warajh, kemm fil-kelma u kemm fl-aġir. Minkejja l-karattru burraskuz, l-għajjat u rabja kontinwa, Mintoff kellu lealtà assoluta lejn dawk li kienu jaħdmu madwaru u lejn dawk li kienu jikkollaboraw miegħu. Joseph Muscat għandu l-istess kwalità, mingħajr l-għajjat, għax Joseph Muscat għandu karattru differenti. Huwa bniedem leali lejn il-kelma li jagħti u allura minnu l-pajjiż jista‘ jistenna dak kollu li jwiegħed.

Joseph għalija għandu dak l-għarfien tal-karattru li jħaddnu dawk kollha li jitrabbew qrib in-natura. Faċli biex japprezzaw u juru. Diffiċli biex jispiċċaw ingannati. Miftuħa għall-ideat ta‘ ħaddieħor. Kuntrarju għal dak li jaħsbu wħud, Mintoff ukoll kien jisma‘ l-ideat ta‘ ħaddieħor imma mhux li jagħti xi prosit f‘wiċċ dak li jkun. Mintoff ħalla warajh proġetti kbar, kollha ideat li ħarġu minnu personalment li bihom qiegħed is-sisien ekonomiċi tal-pajjiż. Fuq l-ideat għal pajjiżu, Joseph Muscat huwa prolifiku u għad iħalli warajh Malta moderna u wisq iktar Ewropea milli hi llum.

Kemm Mintoff u kemm Joseph jemmnu fis-separazzjoni bejn lis-Stat u l-Knisja. Fuq suġġetti partikolari li f‘Malta ta‘ żmien Mintoff kienu diviżivi bħal liġijiet li kienu jolqtu l-familja u bħad-divorzju, Mintoff kien kawt ħafna u daħħal biss iż-żwieġ ċivili li għal dak iż-żmien kien żvilupp importanti fil-ħajja tal-pajjiż. Joseph wera iktar kuraġġ fuq l-immodernizzar tal-mentalità Maltija fejn kien jirrigwarda relazzjonijet bejn nies tal-istess sess, nies transgender u d-divorzju. Stqarr twemminu bla tlaqlieq mill-ewwel ġurnata li sar Kap u bħala Prim Ministru wettaq.

Mintoff kien prodott tal-meetings pubbliċi. Quddiemu kien irid il-folol, l-eluf u bi kliemu jaħtafhom mill-ewwel mumenti u jżommhom miegħu tul id-diskors tiegħu kollu. Kien jobgħod il-midja inġenerali u t- televiżjoni b‘mod partikolari. Il-kameras kien jirreferi għalihom bħala ‖il-ħġieġa‖. ―Ma rridix noqgħod nitkellem ma‘ ħġieġa‖. Meta kien jagħmel ix-xandira tal-ewwel tas-sena, kien irid erbgħa minnha madwaru ħalli jindirizza lilna u mhux lil ―ħġieġa‖. Joseph huwa prodott tat-teknoloġija, midħla tal-midja u t-televiżjoni kellu sehem importanti fil-bidu tal-karriera tiegħu għalkemm wara studja u ‘l midja ma baqgħux iċ-ċentru professjonali ta‘ ħajtu. Il-midja, speċjalment it-Televixin, Joseph jafhom fuq ponot subgħajh u jużahom tajjeb immens. Komdu quddiem il-kameras li għalih jagħmlu sehem minn ambjent li mdorri bih. Tajjeb f‘dibattiti u preparat. Mintoff kien imur fl-istudios tat-televixin fuq xfar għajnejh imma l-preparazzjoni tiegħu kienet tkun metikoluża u twila ġimgħa sħiħa minn qabel.

Mintoff kien Nazzjonalist (fis-sens ta‘ Nazzjon) per eċċellenza u l-ebda barrani, għoli kemm kien għoli, qatt ma rnexxielu miegħu. Joseph ukoll, għandu sens qawwi ta‘ Nazzjon. Minn żgħożitu, Joseph Muscat juri sinjali ta‘ statista futur, difensur qawwi tal-interess nazzjonali ta‘ pajjiżu. It-tnejn poltiċi mimlija enerġija bid-diferrenza li Mintoff kien jippjana l-mumenti ta‘ mistrieħ ta‘ matul il-ġurnata tiegħu waqt li Joseph Muscat naħseb li għadu ma daħalx f‘dik ir-rutina u kemm bħala Kap tal-Partit Laburista u kemm bħala Prim Ministru jgħaddi minn attività wara l-oħra mingħajr waqfien.
Mintoff kien intolleranti għal kwalunke kritika. Joseph bil-maqlub. Kemm-il darba stqarr li l-kritiċi tiegħu jkunu l-ewwel li jisma‘ u li lill-kritiċi jistmahom ta‘ ħbieb. Għal Mintoff, ir-rivoluzzjonarju etern, il-konfront kien essenzjali: jew kont miegħu jew kontra tiegħu. Joseph huwa bniedem fin-natura tiegħu inklusiv, kompletament bil-maqlub ta‘ dak li kien il-mexxej storiku. It-Tnjen ngħoddhom bħala mexxejja altament demokratiċi, kull wieħed minnhom, bis-sistema tiegħu.

Mintoff kien bniedem ta‘ kuraġġ kbir, kważi sal-punt ta‘ riskju żejjed, li ġieli ġabu f‘konflitt ma‘ dawk l-iktar qribu. Kontra Mintoff ingħaqdu l-ikbar forzi ta‘ dak iż-żmien - il-Knisja, l-Partit Nazzjonalista u l-Gvern Ingliż. Flimkien rebħulu xi battalji imma hu rebħilhom il-gwerra. Id-dinja tal-lum hija dinja differenti għalkemm, fil-politika, għall-futur ma taħlifx. Diffiċli li Joseph Muscat jiġi ttestjat bl-istess mod li ġie ttestjat Mintoff għalkemm fil-politika ma teżisti l-ebda ċertezza. Jekk Joseph Muscat jasal għal dan, il-kwalitajiet pożittivi li wera s‘issa, fortifikati mis-sens ta‘ Nazzjon li jħaddan, jagħtuh il-kuraġġ biex jiffaċċja anki dan l-għawġ.

Mintoff u Joseph huma żewġ politiċi ta‘ viżjoni. Il-viżjoni, kemm ta‘ wieħed snin ilu, u kemm tal-ieħor ilbieraħ u llum, ġabret madwarha nies ta‘ kull età u minn kull naħa tal-qasma politika Maltija. Mintoff sawwar il-Malta ta‘ żmienu. Joseph Muscat għad jittrasforma dal-pajjiż, kif wiegħed hu stess, l-aqwa wieħed fl-Ewropa. Kull meta l-futur ikollu bżonn isejjaħ lilna. L-ewwel sab lil Mintoff biex iqiegħed il-pedamenti. Illum, il-bini ta‘ ġejjieni ta‘ prosperità għall-familji Maltin u Għawdxin isejjaħ lil Joseph Muscat.

Joe Grima
11 ta’ Ġunju, 2013

No comments:

Post a Comment